Paġna ewlenija Paġna ewlenija

Revlimid
lenalidomide

Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-pazjent


Revlimid 2.5 mg kapsuli ibsin Revlimid 5 mg kapsuli ibsin Revlimid 7.5 mg kapsuli ibsin Revlimid 10 mg kapsuli ibsin Revlimid 15 mg kapsuli ibsin Revlimid 20 mg kapsuli ibsin Revlimid 25 mg kapsuli ibsin


lenalidomide


imageDan il-prodott mediċinali huwa suġġett għal monitoraġġ addizzjonali. Dan ser jippermetti identifikazzjoni ta’ malajr ta’ informazzjoni ġdida dwar is-sigurtà. Inti tista’ tgħin billi tirrapporta kwalunkwe effett sekondarju li jista’ jkollok. Ara t-tmiem ta’ sezzjoni 4 biex tara kif għandek tirrapporta effetti sekondarji.


Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tieħu din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.


F’dan il-fuljett:

  1. X’inhu Revlimid u għalxiex jintuża

  2. X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Revlimid

  3. Kif għandek tieħu Revlimid

  4. Effetti sekondarji possibbli

  5. Kif taħżen Revlimid

  6. Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra


  1. X’inhu Revlimid u gћalxiex jintuża X’inhu Revlimid

    Revlimid fih is-sustanza attiva ‘lenalidomide’. Din il-mediċina tappartjeni għal grupp ta’ mediċini li jaffettwaw kif is-sistema immuni tiegħek taħdem.


    Għalxiex jintuża Revlimid

    Revlimid jintuża fl-adulti għal:

    • Majeloma multipla

    • Sindromi majelodisplastiċi

    • Limfoma taċ-ċelluli mantle

    • Limfoma follikulari


      Majeloma multipla


      Majeloma multipla hi tip ta’ kanċer li jaffettwa ċertu tip ta’ ċellula tad-demm bajda, imsejħa ċ-ċellula tal-plażma. Dawn iċ-ċelluli jinġabru fil-mudullun u jiddividu, bla kontroll. Dan jista’ jagħmel ħsara lill-għadam u lill-kliewi.


      Il-majeloma multipla ġeneralment ma tistax tiġi kkurata. Madankollu, is-sinjali u s-sintomi jistgħu jitnaqqsu bil-kbir jew jgħibu għal perjodu ta’ żmien. Dan jissejjaħ ‘rispons’.

      Majeloma multipla ddijanjostikata għall-ewwel darba – f’pazjenti kellhom trapjant tal-mudullun tal- għadam

      Revlimid jintuża waħdu bħala terapija ta’ manteniment wara li l-pazjenti jkunu rkupraw biżżejjed wara t-trapjant tal-mudullun tal-għadam


      Pazjenti b’majeloma multipla ddijanjostikata għall-ewwel darba - f’pazjenti li ma jistax isirilhom trapjant tal-mudullun tal-għadam

      Revlimid jittieħed ma’ mediċini oħrajn. Dawn jistgħu jinkludu:

    • mediċina tal-kimoterapija msejħa ‘bortezomib’

    • mediċina kontra l-infjammazzjoni msejħa ‘dexamethasone’

    • mediċina tal-kimoterapija msejħa ‘melphalan’ u

    • mediċina immunosoppressanti msejħa ‘prednisone’.

      Inti se tieħu dawn il-mediċini oħrajn fil-bidu tal-kura u mbagħad tkompli tieħu Revlimid waħdu.


      Jekk għandek 75 sena jew aktar, jew għandek problemi moderati sa severi tal-kliewi - it-tabib tiegħek se jeżaminak b’attenzjoni qabel tibda t-trattament.


      Majeloma multipla – f’pazjenti li rċivew kura fil-passat

      Revlimid jittieħed flimkien ma’ mediċina kontra l-infjammazzjoni msejħa ‘dexamethasone’.


      Revlimid jista’ jwaqqaf is-sinjali u sintomi ta’ majeloma multipla milli jmorru għall-agħar. Intwera wkoll li jittardja l-majeloma multipla milli tiġi lura wara l-kura.


      Sindromi majelodisplastiċi (MDS, Myelodysplastic syndromes)

      MDS huma ġabra ta’ ħafna mard differenti tad-demm u tal-mudullun. Iċ-ċelluli tad-demm isiru mhux normali u ma jaħdmux kif suppost. Il-pazjenti jista’ jkollhom varjetà ta’ sinjali u sintomi li jinkludu għadd baxx ta’ ċelluli tad-demm ħomor (anemija), il-ħtieġa għal trasfużjoni tad-demm, u jkunu f’riskju ta’ infezzjoni.


      Revlimid jintuża waħdu biex jikkura pazjenti adulti li ġew iddijanjostikati b’MDS, meta dawn li ġejjin jkunu japplikaw kollha:

    • ikollok bżonn ta’ trasfużjonijiet regolari tad-demm biex tikkura livelli baxxi ta’ ċelluli ħomor tad- demm (‘anemija li tiddependi fuq it-trasfużjoni’)

    • ikollok anormalità ta’ ċelluli fil-mudullun li tissejjaħ ‘anormalità ċitoġenika ta’ tħassir iżolat ta’ 5q’. Dan ifisser li ġismek ma jagħmilx biżżejjed ċelluli tad-demm f’saħħithom

    • kuri oħrajn ikunu ntużaw fil-passat, li mhumiex adattati jew li ma jaħdmux tajjeb biżżejjed.


      Revlimid jista’ jżid in-numru ta’ ċelluli tad-demm ħomor f’saħħithom li l-ġisem jipproduċi billi jnaqqas in-numru ta’ ċelluli mhux normali:

    • dan jista’ jnaqqas in-numru ta’ trasfużjonijiet tad-demm meħtieġa. Hu possibbli li l-ebda trasfużjonijiet mhu se jkunu meħtieġa.


      Limfoma taċ-ċelluli mantle (MCL, Mantle cell lymphoma)

      MCL hi kanċer ta’ parti mis-sistema immunitarja (it-tessut limfatiku). Din taffettwa tip ta’ ċelluli tad- demm bojod imsejħa ‘limfoċiti-B’ jew ċelluli B. MCL hi marda fejn iċ-ċelluli B jikbru b’mod mhux ikkontrollat u jakkumulaw fit-tessut limfatiku, fil-mudullun jew fid-demm.


      Revlimid jintuża waħdu biex jikkura pazjenti adulti li ġew ikkurati b’mediċini oħra fil-passat.


      Limfoma follikulari (FL)

      FL huwa kanċer li jikber bil-mod u jaffettwa l-limfoċiti B. Dawn huma tip ta’ ċelluli bojod tad-demm li jgħinu lil ġismek jiġġieled l-infezzjonjiet. Meta jkollok FL, jista’ jinġabar ammont kbir wisq minn dawn il-limfoċiti B fid-demm, fil-mudullun tal-għadam, fin-nodi limfatiċi jew fil-milsa tiegħek.


      Revlimid jittieħed flimkien ma’ mediċina oħra msejħa ‘rituximab’ għall-kura ta’ pazjenti adulti b’limfoma follikulari li ġiet ikkurata fil-passat.

      Revlimid jintuża waħdu biex jikkura pazjenti adulti li ġew kkurati b’mediċini oħra fil-passat.


      Kif jaħdem Revlimid

      Revlimid jaħdem billi jaffettwa s-sistema immuni tal-ġisem u jattakka direttament lill-kanċer. Jaħdem b’numru ta’ modi differenti:

    • billi jwaqqaf iċ-ċelluli tal-kanċer milli jiżviluppaw

    • billi jwaqqaf il-vini milli jikbru ġol-kanċer

    • billi jistimula parti tas-sistema immuni biex tattakka liċ-ċelluli tal-kanċer.


  2. X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Revlimid


    Inti trid taqra l-fuljett ta’ tagħrif tal-prodotti mediċinali kollha li se jittieħdu flimkien ma’ Revlimid qabel tibda t-trattament b’Revlimid.


    Tiħux Revlimid:


    • jekk int tqila, taħseb li int tqila, jew qed tippjana li toħroġ tqila, għax Revlimid hu mistenni li jkun ta’ ħsara lit-tarbija mhix imwielda (ara sezzjoni 2, ‘Tqala. treddigħ u kontraċezzjoni – informazzjoni għan-nisa u l-irġiel’).

    • jekk tista’ toħroġ tqila, ħlief jekk issegwi l-miżuri kollha neċessarji ta’ prevenzjoni li ma jħallukx toħroġ tqila (ara sezzjoni 2, ‘Tqala. treddigħ u kontraċezzjoni – informazzjoni għan-nisa u l-irġiel’). Jekk tista’ toħroġ tqila, it-tabib tiegħek ser jikteb ma’ kull riċetta, li l-miżuri neċessarji ttieħdu, u jagħtik din il-konferma.

    • jekk inti allerġiku/a għal lenalidomide jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (imniżżla fis- sezzjoni 6). Jekk taħseb li tista’tkun allerġiku/a, itlob parir lit-tabib tiegħek.


      Jekk xi waħda minn dawn tapplika għalik, tiħux Revlimid. Tkellem mat-tabib tiegħek jekk ikollok xi dubju.


      Twissijiet u prekawzjonijiet

      Kellem lit-tabib, lill-ispiżjar jew lill-infermier tiegħek qabel tieħu Revlimid jekk

    • kellek emboli tad-demm fil-passat – dan għax ikollok żieda fir-riskju li tiżviluppa emboli tad- demm fil-vini u fl-arterji matul il-kura

    • għandek kwalunkwe sinjali ta’ infezzjoni, bħal bħal sogħla jew deni

    • għandek jew qatt kellek infezzjoni virali fil-passat, partikularment: infezzjoni tal-epatite B, varicella zoster, HIV. Jekk ikollok xi dubju, staqsi lit-tabib tiegħek. Il-kura b’Revlimid tista’ tikkawża li l-virus jerġa’ jsir attiv f’pazjenti li jġorru l-virus. Dan jirriżulta f’rikorrenza tal- infezzjoni. It-tabib tiegħek għandu jiċċekkja jekk qatt kellek infezzjoni bl-epatite B.

    • għandek problemi tal-kliewi - it-tabib tiegħek jista’ jaġġusta d-doża tiegħek ta’ Revlimid

    • kellek attakk ta’ qalb, jekk qatt kellek embolu tad-demm, jew jekk tpejjep, għandek pressjoni tad-demm għolja jew livelli għoljin ta’ kolesterol.

    • kellek reazzjoni allerġika waqt li kont qed tieħu thalidomide (mediċina oħra użata għall-kura ta’ majeloma multipla) bħal raxx, ħakk, nefħa, sturdament jew problemi biex tieħu n-nifs.

    • jekk fil-passat kellek kombinazzjoni ta’ kwalunkwe mis-sintomi li ġejjin: raxx mifrux, ġilda ħamra, temperatura tal-ġisem għolja, sintomi qishom influwenza, żidiet fl-enżimi tal-fwied, anormalitajiet fid-demm (eosinofilija), għoqiedi tal-limfa mkabbra – dawn huma sinjali ta’ reazzjoni severa tal-ġilda msejħa Reazzjoni tal-Mediċina b’Eosinofilija u Sintomi Sistemiċi, magħrufa wkoll bħala DRESS (Drug Reaction with Eosinophilia and Systemic Symptoms) jew sindrome ta’ sensittività eċċessiva għall-mediċina. (ara wkoll sezzjoni 4 “Effetti sekondarji possibbli”).


      Jekk xi wieħed minn dawn is-sintomi t’hawn fuq japplika għalik, għid lit-tabib, lill-ispiżjar jew lill- infermier tiegħek qabel tibda l-kura.

      Fi kwalunkwe ħin waqt jew wara t-trattament tiegħek, għid lit-tabib jew lill-infermier tiegħek minnufih jekk:

    • tesperjenza vista mċajpra, telf tal-vista jew vista doppja, diffikultà biex titkellem, dgħufija fi driegħ jew f’riġel, tibdil fil-mod kif timxi jew problemi bil-bilanċ tiegħek, tnemnim persistenti, sensazzjoni mnaqqsa jew telf ta’ sensazzjoni, telf ta’ memorja jew konfużjoni. Dawn kollha jistgħu jkunu sintomi ta’ kundizzjoni serja u potenzjalment fatali tal-moħħ magħrufa bħala lewkoenċefalopatija multifokali progressiva (PML, progressive multifocal leukoencephalopathy). Jekk kellek dawn is-sintomi qabel il-kura b’Revlimid, għid lit-tabib tiegħek dwar kwalunkwe tibdil f’dawn is-sintomi.

    • tesperjenza qtugħ ta’ nifs, għeja, sturdament, uġigħ fis-sider, taħbit tal-qalb aktar mgħaġġel, jew nefħa fir-riġlejn jew fl-għekiesi. Dawn jistgħu jkunu sintomi ta’ kundizzjoni serja magħrufa bħala pressjoni għolja pulmonari (ara sezzjoni 4).


      Testijiet u ċċekkjar

      Qabel u matul il-kura b’Revlimid, inti ser ikollok testijiet regolari tad-demm. Dan minħabba li Revlimid jista’ jikkawża tnaqqis fin-numru ta’ ċelluli tad-demm li jgħinu biex jiġġieldu l-infezzjoni (ċelluli bojod tad-demm) u jgħinu lid-demm biex jagħqad (plejtlits). It-tabib tiegħek se jitolbok biex tagħmel test tad-demm:

    • qabel il-kura

    • kull ġimgħa għall-ewwel 8 ġimgħat tal-kura imbagħad mill-inqas kull xahar wara dak il-perjodu.


      Tista’ tiġi evalwat għal sinjali ta’ problemi kardjopulmonari qabel u matul it-trattament b’lenalidomide.


      Għal pazjenti b’MDS li jieħdu Revlimid

      Jekk għandek MDS, jista’ jkun aktar probabbli li jkollok kundizzjoni aktar avvanzata msejħa lewkimja majelojde akuta (AML, acute myeloid leukaemia). Barra dan, mhuwiex magħruf kif Revlimid

      jaffettwa l-probabbiltà li jkollok AML. Għalhekk, it-tabib tiegħek jista’ jagħmillek testijiet biex jiċċekkja għal sinjali li jistgħu jbassru aħjar il-probabbiltà li jkollok AML waqt il-kura tiegħek b’Revlimid.


      Għal pazjenti b’MCL li jieħdu Revlimid

      It-tabib tiegħek se jitolbok biex tagħmel test tad-demm:

    • qabel il-kura

    • kull ġimgħa għall-ewwel 8 ġimgħat (2 ċikli) tal-kura

    • imbagħad kull ġimagħtejn f’ċikli 3 u 4 (ara sezzjoni 3 ‘Iċ-ċiklu tal-kura’ għal aktar informazzjoni)

    • wara dan, din tiġri fil-bidu ta’ kull ċiklu u

    • mill-inqas kull xahar.


      Għal pazjenti b’FL li jieħdu Revlimid

      It-tabib tiegħek għandu jitolbok biex tagħmel test tad-demm:

    • qabel il-kura

    • kull ġimgħa għall-ewwel 3 ġimgħat (ċiklu 1) tal-kura

    • imbagħad kull ġimagħtejn f’ċikli 2 sa 4 (ara Sezzjoni 3 ‘Iċ-Ċiklu tal-kura’ għal iktar informazzjoni)

    • wara dan, din tiġri fil-bidu ta’ kull ċiklu u

    • mill-inqas kull xahar.


      It-tabib tiegħek jista’ jiċċekkja jekk għandekx ammont totali għoli ta’ tumur ġo ġismek kollu, li jinkludi l-mudullun. Dan jista’ jwassal għal kundizzjoni fejn it-tumuri jitkissru u jikkawżaw livelli mhux tas-soltu ta’ kimiċi fid-demm li jistgħu jwasslu għal insuffiċjenza tal-kliewi (din il-kundizzjoni tissejjaħ ‘Sindrome tal-Lisi tat-Tumur’).


      It-tabib tiegħek jista’ jiċċekkjak għal tibdil fil-ġilda bħal tikek ħomor jew raxx.

      It-tabib tiegħek jista’ jaġġusta d-doża tiegħek ta’ Revlimid jew iwaqqaf il-kura tiegħek skont

      ir-riżultati tat-testijiet tad-demm tiegħek u l-kundizzjoni ġenerali tiegħek. Jekk tkun ġejt iddijanjostikat għall-ewwel darba, it-tabib tiegħek jista’ wkoll jevalwa l-kura tiegħek ibbażat fuq l-età tiegħek u kundizzjonijiet oħrajn li diġà għandek.


      Għoti tad-demm

      M’għandekx tagħti demm matul il-kura u għal mill-inqas 7 ijiem wara t-tmiem tal-kura.


      Tfal u adolexxenti

      Revlimid mhuwiex rakkomandat għall-użu fi tfal jew adolexxenti li għandhom inqas minn 18-il sena.


      Persuni anzjani u nies bi problemi tal-kliewi

      Jekk għandek 75 sena jew aktar, jew għandek problemi moderati sa severi tal-kliewi - it-tabib tiegħek se jeżaminak b’attenzjoni qabel tibda l-kura.


      Mediċini oħra u Revlimid

      Għid lit-tabib jew lill-infermier tiegħek jekk qed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċini oħra. Dan għaliex Revlimid jista’ jaffettwa l-mod kif jaħdmu xi mediċini oħra. Flimkien ma’ dan, xi mediċini oħra jistgħu jaffettwaw il-mod kif jaħdem Revlimid.


      B’mod partikulari, għid lit-tabib jew lill-infermier tiegħek jekk qed tieħu xi waħda minn dawn il- mediċini li ġejjin:

    • xi mediċini li jintużaw biex tiġi evitata t-tqala bħal kontraċettivi orali, għax dawn jistgħu jieqfu jaħdmu

    • xi mediċini li jintużaw għal problemi tal-qalb – bħal digoxin

    • xi mediċini li jintużaw biex iraqqu d-demm – bħal warfarin.

      Tqala, treddigħ u kontraċezzjoni - informazzjoni għan-nisa u l-irġiel Tqala

      Għal nisa li jieħdu Revlimid

    • Inti ma tridx tieħu Revlimid jekk inti tqila, għax dan hu mistenni li jkun ta’ ħsara għat-tarbija mhix imwielda.

    • Inti ma tridx toħroġ tqila meta tkun qed tieħu Revlimid. Għalhekk, inti għandek tuża metodi effettivi ta’ kontraċezzjoni jekk inti mara li tista’ toħroġ tqila (ara ‘Kontraċezzjoni’).

    • Jekk inti toħroġ tqila matul il-kura b’Revlimid, inti trid twaqqaf il-kura tiegħek u tinforma lit-tabib tiegħek immedjatament.


      Għall-irġiel li qed jieħdu Revlimid

    • Jekk is-sieħba tiegħek toħroġ tqila meta inti tkun qed tieħu Revlimid, għandek tinforma lit-tabib tiegħek immedjatament. Hu rakkomandat li s-sieħba tiegħek tfittex parir mediku.

    • Trid tuża wkoll metodi effettivi ta’ kontraċezzjoni (ara ‘Kontraċezzjoni’).


      Treddigħ

      Inti ma tridx tredda’ waqt li tkun qed tieħu Revlimid, għax mhux magħruf jekk Revlimid jgħaddix fil- ħalib tas-sider.


      Kontraċezzjoni

      Għal nisa li jkunu qed jieħdu Revlimid

      Qabel tibda l-kura, staqsi lit-tabib tiegħek jekk inti tistax toħroġ tqila, anki jekk taħseb li dan x’aktarx li mhux se jseħħ.


      Jekk tista’ toħroġ tqila

    • se jsirulek testijiet tat-tqala taħt is-superviżjoni tat-tabib tiegħek (qabel kull kura, kull mill-inqas 4 ġimgħat matul il-kura, u mill-inqas 4 ġimgħat wara li l-kura tkun spiċċat), ħlief fejn ikun ġie kkonfermat li t-tubi fallopjani jkunu nqatgħu jew ġew issiġillati, biex iwaqqfu l-bajd milli jaslu sal- utru (sterilazzazzjoni tat-tubi)

      U

    • trid tuża metodi effettivi ta’ kontraċezzjoni għal mill-inqas 4 ġimgħat qabel ma tibda l-kura, matul il-kura, u sa mill-inqas 4 ġimgħat wara li twaqqaf il-kura. It-tabib tiegħek se jagħtik parir dwar metodi adattati ta’ kontraċezzjoni.


      Għall-irġiel li qed jieħdu Revlimid

      Revlimid jgħaddi fis-semen tal-bniedem. Jekk is-sieħba tiegħek hi tqila jew tista’ toħroġ tqila, u hi ma tużax metodi effettivi ta’ kontraċezzjoni, inti trid tuża l-kondoms, matul il-kura, u sa mill-inqas 7 ijiem wara li tintemm il-kura, anki jekk kellek vasektomija.


      Sewqan u tħaddim ta’ magni

      Issuqx jew tħaddem magni jekk tħossok stordut, għajjien, bi ngħas, mejt jew ikollok vista mċajpra wara li tieħu Revlimid.


      Revlimid fih lactose

      Revlimid fih lactose. Jekk it-tabib tiegħek qallek li għandek intolleranza għal ċerti tipi ta’ zokkor, ikkuntattja lit-tabib tiegħek qabel ma tieħu din il-mediċina.


  3. Kif gћandek tieћu Revlimid


    Revlimid irid jingħatalek minn professjonisti fil-qasam mediku b’esperjenza fil-kura ta’ majeloma multipla MDS, MCL jew FL.

    • Meta Revlimid jintuża għall-kura ta’ majeloma multipla f’pazjenti li ma jkunux eliġibbli għal trapjant tal-mudullun tal-għadam jew li kellhom kuri oħrajn fil-passat, jittieħed flimkien ma’ mediċini oħrajn (ara sezzjoni 1 ‘Għalxiex jintuża Revlimid’).

    • Meta Revlimid jintuża għall-kura ta’ majeloma multipla f’pazjenti li kellhom trapjant tal-mudullun jew biex jiġu kkurati pazjenti b’MDS jew MCL, jittieħed waħdu.

    • Meta Revlimid jintuża biex jikkura limfoma follikulari, huwa jittieħed ma’ mediċina oħra msejħa ‘rituximab’.


      Dejjem għandek tieħu Revlimid skont il-parir eżatt tat-tabib. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib jew mal-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju.


      Jekk qed tieħu Revlimid flimkien ma’ mediċini oħrajn, għandek tirreferi għall-fuljetti ta’ tagħrif għal dawn il-mediċini għal informazzjoni addizzjonali dwar l-użu u l-effetti tagħhom.


      Iċ-ċiklu tal-kura

      Revlimid jittieħed f’ċerti jiem fuq perjodu ta’ 3 ġimgħat (21 jum).

    • Kull 21 jum jissejjaħ ‘ċiklu ta’ kura’.

    • Skont il-jum taċ-ċiklu, inti se tieħu mediċina waħda jew aktar mill-mediċini. Madankollu, f’xi jiem m’inti se tieħu l-ebda waħda mill-mediċini.

    • Wara li tlesti kull ċiklu ta’ 21 jum, għandek tibda ‘ċiklu’ ġdid matul il-21 jum li jkun imiss. JEW

      Revlimid jittieħed f’ċerti jiem fuq perjodu ta’ 4 ġimgħat (28 jum).

    • Kull 28 jum jissejjaħ ‘ċiklu ta’ kura’.

    • Skont il-jum taċ-ċiklu, inti se tieħu mediċina waħda jew aktar mill-mediċini. Madankollu, f’xi jiem m’inti se tieħu l-ebda waħda mill-mediċini.

    • Wara li tlesti kull ċiklu ta’ 28 jum, għandek tibda ‘ċiklu’ ġdid fuq it-28 jum li jkun imiss.


      Kemm għandek tieħu Revlimid

      Qabel tibda l-kura, it-tabib tiegħek se jgħidlek:

    • kemm Revlimid għandek tieħu

    • kemm mill-mediċini l-oħrajn għandek tieħu flimkien ma’ Revlimid, jekk ikun il-każ

    • f’liema jum taċ-ċiklu tal-kura tiegħek għandek tieħu kull mediċina.

      Kif u meta tieħu Revlimid

    • Ibla’ l-kapsuli Revlimid sħaħ, preferibbilment mal-ilma.

    • Taqsamx, tiftaħx u tomgħodx il-kapsuli. Jekk it-trab minn kapsula miksura ta’ Revlimid imiss mal- ġilda, aħsel il-ġilda immedjatament u bir-reqqa bis-sapun u bl-ilma.

    • Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, il-persuni li jieħdu ħsieb il-pazjenti, u l-familjari għandhom jilbsu ingwanti li jintremew meta jmissu l-folja jew il-kapsula. L-ingwanti mbagħad għandhom jitneħħew b’attenzjoni biex jiġi evitat li tiġi esposta l-ġilda, jitpoġġew f’borża tal-plastik tal- polyethylene li tista’ tiġi ssiġillata u jintremew skont il-liġijiet lokali. Imbagħad għandhom jaħslu idejhom sew bis-sapun u l-ilma. Nisa tqal jew li jissusspettaw li huma tqal m’għandhomx imissu l- folja jew il-kapsula.

    • Il-kapsuli jistgħu jittieħdu mal-ikel jew mingħajr l-ikel.

    • Għandek tieħu Revlimid bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin fil-jiem skedati.


      Kif għandek tieħu din il-mediċina

      Biex tneħħi l-kapsula mill-folja:

    • agħfas ’il barra tarf wieħed biss tal-kapsula biex tgħaddiha minn ġol-fojl

    • tagħfasx fuq iċ-ċentru tal-kapsula, għax dan jista’ jikkawża li din tinqasam.


      image


      It-tul ta’ żmien tal-kura b’Revlimid

      Revlimid jittieħed f’ċikli tal-kura, u kull ċiklu jdum 21 jew 28 jum (ara hawn fuq ‘Iċ-Ċiklu tal-kura’). Għandek tkompli ċ-ċikli tal-kura sakemm it-tabib tiegħek jgħidlek biex tieqaf.


      Jekk tieħu Revlimid aktar milli suppost

      Jekk tieħu iktar Revlimid minn dak li hemm fuq ir-riċetta, għid it-tabib tiegħek immedjatament.


      Jekk tinsa tieħu Revlimid

      Jekk tinsa tieħu Revlimid fil-ħin regolari tiegħek u

    • jkunu għaddew inqas minn 12-il siegħa - ħu l-kapsula tiegħek immedjatament.

    • jkunu għaddew iktar minn 12-il siegħa - tiħux il-kapsula tiegħek. Ħu l-kapsula li jmiss fil-ħin normali l-għada.


      Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.


  4. Effetti sekondarji possibbli


    Bħal kull mediċina oħra, Revlimid jista’ jikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’kulħadd.


    Ieqaf ħu Revlimid u ara tabib immedjatment jekk tinnota kwalunkwe minn dawn l-effetti sekondarji serji li ġejjin – jista’ jkollok bżonn ta’ trattament mediku urġenti:

    • Ħorriqija, raxx, nefħa fl-għajnejn, fil-ħalq jew fil-wiċċ, diffikultà biex tieħu n-nifs, jew ħakk, li jistgħu jkunu sintomi ta’ tipi serji ta’ reazzjonijiet allerġiċi li jissejħu anġjoedema u reazzjoni anafilattika.

    • Reazzjoni allerġika serja li tista’ tibda bħala raxx f’post wieħed iżda tinfirex b’telf estensiv ta’ ġilda mal-ġisem kollu (sindrome ta’ Stevens-Johnson u/jew nekrolisi epidermali tossika).

    • Raxx mifrux, temperatura tal-ġisem għolja, żidiet fl-enzimi tal-fwied, anormalitajiet fid-demm (eosinofilja), glandoli tal-limfa (lymph nodes) mkabbra u involviment ta’ organi oħrajn tal- ġisem (Reazzjoni tal-Mediċina b’Eosinofilja u Sintomi Sistemiċi magħrufa wkoll bħala DRESS jew sindrome ta’ sensittività eċċessiva għall-mediċina. Ara wkoll sezzjoni 2.


      • Għid lit-tabib tiegħek immedjatament jekk tinnota kwalunkwe minn dawn l-effetti sekondarji serji li ġejjin:


      • Deni, tkexkix ta’ bard, uġigħ fil-griżmejn, sogħla, ulċeri tal-ħalq jew kwalunkwe sintomi oħrajn ta’ infezzjoni li jinkludi fiċ-ċirkolazzjoni (sepsis)

      • Ħruġ ta’ demm jew tbenġil fl-assenza ta’ korriment

      • Uġigħ fis-sider jew uġigħ fir-riġlejn

      • Qtugħ ta’ nifs

      • Uġigħ fl-għadam, dgħufija fil-muskoli, konfużjoni jew għeja li jistgħu jseħħu minħabba livell għoli ta’ calcium fid-demm.


        Revlimid jista’ jnaqqas in-numru ta’ ċelluli bojod li jiġġieldu l-infezzjonijiet u wkoll iċ-ċelluli tad- demm li jgħinu d-demm biex jagħqad (plejtlits) li jista’ jwassal għal disturbi ta’ ħruġ ta’ demm bħalma huma fġir mill-imnieħer u tbenġil.

        Revlimid jista’ ukoll jikkawża tagħqid tad-demm fil-vini (trombożi).


        Effetti sekondarji oħra

        Hu importanti li tinnota li numru żgħir ta’ pazjenti jistgħu jiżviluppaw tipi addizzjonali ta’ kanċer, u hu possibbli li dan ir-riskju jista’ jiżdied bil-kura b’Revlimid. Għalhekk it-tabib tiegħek għandu jevalwa bir-reqqa l-benefiċċju u r-riskju meta tingħata riċetta għal Revlimid.


        Effetti sekondarji komuni ħafna (jistgħu jaffettwaw iktar minn 1 minn kull 10 persuni):

      • Tnaqqis fin-numru ta’ ċelluli ħomor tad-demm li jista’ jwassal għal anemija li twassal għal għeja u dgħufija

      • Raxxijiet, ħakk

      • Bugħawwieġ fil-muskoli, dgħufija fil-muskoli, uġigħ fil-muskoli, weġgħat fil-muskoli, uġigħ fl- għadam, uġigħ fil-ġogi, uġigħ fid-dahar, uġigħ fl-estremitajiet

      • Nefħa mifruxa li tinkludi nefħa fid-dirgħajn u fir-riġlejn

      • Dgħufija, għeja

      • Deni u sintomi bħal dawk tal-influwenza li jinkludu deni, uġigħ fil-muskoli, uġigħ ta’ ras, uġigħ fil-widnejn, sogħla u tkexkix ta’ bard

      • Titrix, tnemnim jew sensazzjoni ta’ ħruq fil-ġilda, uġigħ fl-idejn jew fis-saqajn, sturdament, rogħda

      • Żieda fl-uġigħ, fid-daqs tat-tumur jew fil-ħmura madwar it-tumur

      • Tnaqqis fl-aptit, tibdil fil-mod kif jintiegħmu l-affarijiet

      • Tnaqqis fil-piż

      • Stitikezza, dijarea, nawseja, rimettar, uġigħ fl-istonku, ħruq ta’ stonku

      • Livelli baxxi tal-potassium jew calcium u/jew sodium fid-demm

      • It-tirojde tibda taħdem inqas minn li suppost

      • Uġigħ fir-riġlejn (li jista’ jkun sintomu ta’ trombożi), uġigħ fis-sider jew qtugħ ta’ nifs (li jista’ jkun sintomu ta’ emboli tad-demm fil-pulmun, li jissejjaħ emboliżmu pulmonari)

      • Infezzjonijiet ta’ kull tip inkluż infezzjoni tas-sinuses ta’ madwar l-imnieħer, infezzjoni tal- pulmun u tan-naħa ta’ fuq tal-apparat respiratorju

      • Qtugħ ta’ nifs

      • Vista mċajpra

      • L-għajnejn jiċċajpru (katarretti)

      • Problemi fil-kliewi li jinkludu kliewi li ma jaħdmux sewwa jew li ma jkunux jistgħu jmantnu funzjoni normali

      • Testijiet tal-fwied b’riżultati anormali

      • Żieda fir-riżultati tat-testijiet tal-funzjoni tal-fwied

      • Tibdil fi proteina fid-demm li jista’ jikkawża nefħa tal-arterji (vaskulite)

      • Żidiet fil-livelli ta’ zokkor fid-demm tiegħek (dijabete)

      • Tnaqqis fil-livelli taz-zokkor fid-demm tiegħek

      • Uġigħ ta’ ras

      • Tinfaraġ

      • Ġilda xotta

      • Depressjoni, tibdil fil-burdata, diffikultà biex torqod

      • Sogħla

      • Tnaqqis fil-pressjoni tad-demm

      • Sensazzjoni vaga ta’ skumdità tal-ġisem, ma tħossokx tajjeb

      • Ħalq infjammat u bil-feriti, ħalq xott

      • Deidratazzjoni


        Effetti sekondarji komuni (li jistgħu jaffettwaw sa 1 minn kull 10 persuni):

      • Il-qerda ta’ ċelluli ħomor tad-demm (anemija emolitika)

      • Ċerti tipi ta’ tumuri tal-ġilda

      • Ħruġ ta’ demm mill-ħanek, mill-istonku, jew mill-imsaren

      • Żieda fil-pressjoni tad-demm, taħbit bil-mod, mgħaġġel jew irregolari tal-qalb

      • Żieda fl-ammont ta’ sustanza li tirriżulta minn tqassim normali u anormali taċ-ċelluli ħomor tad- demm

      • Żieda f’tip ta’ proteina li hija indikazzjoni ta’ infjammazzjoni fil-ġisem

      • Il-ġilda tiskura, tibdil fil-kulur tal-ġilda tiegħek minħabba ħruġ ta’ demm taħt il-ġilda, tipikament ikkawżat minn tbenġil; nefħa tal-ġilda mimlija bid-demm; tbenġil

      • Żieda fl-aċidu uriku fid-demm

      • Eruzzjonijiet tal-ġilda, ħmura tal-ġilda, qsim tal-ġilda, il-ġilda li tinqala’ jew titqaxxar, ħorriqija

      • Ħakk, żieda fl-għaraq, għaraq bil-lejl

      • Diffikultà biex tibla’, uġigħ fil-griżmejn, diffikultà bil-kwalità tal-vuċi jew tibdil fil-vuċi

      • Imnieħer inixxi

      • Produzzjoni ta’ ħafna aktar awrina jew ħafna inqas awrina min-normal jew in-nuqqas ta’ abilità li tikkontrolla l-awrina

      • Demm mal-awrina

      • Qtugħ ta’ nifs speċjalment meta timtedd (li jista’ jkun sintomu ta’ insuffiċjenza tal-qalb)

      • Diffikultà biex ikollok erezzjoni

      • Puplesija, ħass ħażin, vertiġini (problema bin-naħa ta’ ġewwa tal-widna li twassal li tħoss li kollox qed idur madwarek), tintilef minn sensik għal ftit tal-ħinUġigħ fis-sider li jinfirex lejn id- dirgħajn, l-għonq, ix-xedaq, id-dahar jew l-istonku, tħoss li għandek l-għaraq u tkun bla nifs, tħossok imdardar jew tirremetti, li jistgħu jkunu sintomi ta’ attakk ta’ qalb (infart mijokardijaku)

      • Dgħufija fil-muskoli, nuqqas ta’ enerġija

      • Uġigħ fl-għonq, uġigħ fis-sider

      • Tkexkix ta’ bard

      • Nefħa fil-ġogi

      • Il-fluss tal-bila (bile) mill-fwied ikun iktar bil-mod jew ibblukkat

      • Livelli baxxi ta’ phosphate jew magnesium fid-demm

      • Diffikultà biex titkellem

      • Ħsara fil-fwied

      • Indeboliment fil-bilanċ, diffikultà biex tiċċaqlaq

      • Tittarrax, żanżin fil-widnejn (tinnitus)

      • Uġigħ fin-nervituri, sensazzjoni mhux normali li ddejqek speċjalment meta tmiss miegħek xi ħaġa

      • Ammont eċċessiv ta’ ħadid fil-ġisem

      • Għatx

      • Konfużjoni

      • Uġigħ fis-snien

      • Waqgħa li tista’ tirriżulta f’korriment


        Effetti sekondarji mhux komuni (li jistgħu jaffettwaw sa 1 minn kull 100 persuna):

      • Ħruġ ta’ demm fil-kranju

      • Problemi ċirkolatorji

      • Telf tal-vista

      • Telf ta’ aptit sesswali (libido)

      • Tagħmel ammont kbir ta’ awrina flimkien ma’ uġigħ fl-għadam u dgħufija, li jistgħu sintomi ta’ disturb fil-kliewi (sindrome ta’ Fanconi)

      • Pigmentazzjoni safra fil-ġilda, fil-membrana mukuża jew fl-għajnejn (suffejra), ippurgar ta’ lewn ċar, awrina ta’ lewn skur, ħakk tal-ġilda, raxx, uġigħ jew nefħa tal-istonku – dawn jistgħu jkunu sintomi ta’ dannu fil-fwied (insuffiċjenza tal-fwied)

      • Uġigħ fl-istonku, gass żejjed, jew dijarea, li jistgħu jkunu sintomi ta’ infjammazzjoni fil-musrana l-kbira (imsejħa kolite jew caecitis)

      • Ħsara liċ-ċelloli tal-kliewi (imsejħa nekrożi tubulari tal-kliewi)

      • Tibdil fil-kulur tal-ġilda tiegħek, sensittività għad-dawl tax-xemx

      • Sindrome tal-lisi tat-tumur - kumplikazzjonijiet metaboliċi li jistgħu jseħħu waqt il-kura tal- kanċer u xi kultant anki mingħajr il-kura. Dawn il-kumplikazzjonijiet huma kkawżati mill- prodotti li jifdal minn ċelluli tal-kanċer li jkunu qed imutu, u jistgħu jinkludu dawn li ġejjin: tibdil fil-kimika tad-demm; livell għoli ta’ potassium, phosphorus, uric acid, u livell baxx ta’ calcium, li konsegwentement iwasslu għal tibdil fil-funzjoni tal-kliewi, tat-taħbit tal-qalb, aċċessjonijiet, u xi kultant il-mewt.

      • Żieda fil-pressjoni tad-demm fil-vini li jfornu l-pulmun (pressjoni għolja pulmonari).


        Effetti sekondarji mhux magħrufa (ma tistax tittieħed stima mid-data disponibbli):

      • Uġigħ għal għarrieda, jew uġigħ ħafif iżda li jmur għall-agħar fin-naħa ta’ fuq tal-istonku u/jew fid- dahar, li jibqa’ għal ftit ijiem, possibbilment akkompanjat minn nawsja, rimettar, deni u rata mgħaġġla tal-polz - dawn is-sintomi jistgħu jkunu minħabba infjammazzjoni tal-frixa.

      • Tħarħir, qtugħ ta’ nifs jew sogħla xotta, li jistgħu jkunu sintomi kkawżati minn infjammazzjoni tat- tessut fil-pulmun.

      • Każijiet rari ta’ diżintegrazzjoni tal-muskoli (uġigħ fil-muskoli, dgħjufija jew nefħa) li tista’ twassal għal problemi fil-kliewi (rabdomijolożi) ġew osservati, xi wħud minnhom meta Revlimid jiġi mogħti ma’ statin (tip ta’ mediċini li jbaxxu l-kolesterol).

      • Kundizzjoni li taffettwa l-ġilda kkawżata minn infjammazzjoni ta’ vini u arterji żgħar, flimkien ma’ uġigħ fil-ġogi u deni (vaskulite lewkoċitoklastika).

      • Tkissir tal-ħajt tal-istonku jew tal-imsaren. Dan jista' jwassal għal infezzjoni serja ħafna. Għid lit- tabib tiegħek jekk ikollok uġigħ fl-istonku sever, deni, dardir, rimettar, demm fl-ippurgar, jew tibdil fil-mod kif u meta tipporga.

      • Infezzjonijiet virali, li jinkludu herpes zoster (magħruf ukoll bħala “ħruq ta’ Sant’Antnin”, marda virali li tikkawża raxx tal-ġilda bl-uġigħ u bl-infafet) u r-rikorrenza ta’ infezzjoni bl-epatite B (li tista’ tikkawża sfurija tal-ġilda u l-għajnejn, awrina ta’ kulur kannella skur, uġigħ fuq in-naħa tal- lemin tal-istonku, deni u tħossok imdardar jew tirremetti).

      • Rifjut ta’ trapjant ta’ organu solidu (bħal kilwa, qalb).


        Rappurtar tal-effetti sekondarji

        image

        Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib, lill-ispiżjar jew l-infermier tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali mniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina.

  5. Kif taħżen Revlimid


    • Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal

    • Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq il-kartuna wara ‘JIS’. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

    • Din il-mediċina m’għandhiex bżonn ħażna speċjali.

    • Tużax din il-mediċina jekk tinnota kwalunkwe ħsara jew sinjali ta’ tbagħbis fil-pakkett.

    • Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Jekk jogħġbok ħu lura mediċini mhux użati għand l-ispiżjar. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.


  6. Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra X’fih Revlimid

Revlimid 2.5 mg kapsuli ibsin:


Kif jidher Revlimid u l-kontenut tal-pakkett


Revlimid 2.5 mg kapsuli ibsin huma blu-ħodor/bojod, b’‘REV 2.5 mg’ miktuba fuqhom.

Il-kapsuli huma pprovduti f’pakketti. Kull pakkett fih folja waħda jew tliet folji, kull folja b’seba’ kapsuli. Dan jagħti total ta’ 7 jew 21 kapsula f’kull pakkett.


Revlimid 5 mg kapsuli ibsin huma bojod, b’‘REV 5 mg’ miktuba fuqhom.

Il-kapsuli huma pprovduti f’pakketti. Kull pakkett fih folja waħda jew tliet folji, kull folja b’seba’ kapsuli. Dan jagħti total ta’ 7 jew 21 kapsula f’kull pakkett.


Revlimid 7.5 mg kapsuli ibsin huma ta’ kulur isfar ċar/abjad, b’‘REV 7.5 mg’ miktuba fuqhom.

Il-kapsuli huma pprovduti f’pakketti. Kull pakkett fih folja waħda jew tliet folji, kull folja b’seba’ kapsuli. Dan jagħti total ta’ 7 jew 21 kapsula f’kull pakkett.


Revlimid 10 mg kapsuli ibsin huma blu-ħodor/isfar ċar, b’‘REV 10 mg’ miktuba fuqhom.

Il-kapsuli huma pprovduti f’pakketti. Kull pakkett fih folja waħda jew tliet folji, kull folja b’seba’ kapsuli. Dan jagħti total ta’ 7 jew 21 kapsula f’kull pakkett.


Revlimid 15 mg kapsuli ibsin huma ta’ lewn blu ċar/abjad, b’‘REV 15 mg’ miktuba fuqhom.

Il-kapsuli huma pprovduti f’pakketti. Kull pakkett fih folja waħda jew tliet folji, kull folja b’seba’ kapsuli. Dan jagħti total ta’ 7 jew 21 kapsula f’kull pakkett.


Revlimid 20 mg kapsuli ibsin huma ta’ lewn blu-aħdar/blu ċar, b’‘REV 20 mg’ miktuba fuqhom. Il-kapsuli huma pprovduti f’pakketti. Kull pakkett fih folja waħda jew tliet folji, kull folja b’seba’ kapsuli. Dan jagħti total ta’ 7 jew 21 kapsula f’kull pakkett.


Revlimid 25 mg kapsuli ibsin huma bojod, b’‘REV 25 mg’ miktuba fuqhom.

Il-kapsuli huma pprovduti f’pakketti. Kull pakkett fih folja waħda jew tliet folji, kull folja b’seba’ kapsuli. Dan jagħti total ta’ 7 jew 21 kapsula f’kull pakkett.

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq

Bristol-Myers Squibb Pharma EEIG Plaza 254

Blanchardstown Corporate Park 2 Dublin 15, D15 T867

L-Irlanda


Manifattur

Celgene Distribution B.V. Orteliuslaan 1000

3528 BD Utrecht L-Olanda


Għal kull tagħrif dwar din il-mediċina, jekk jogħġbok ikkuntattja lir-rappreżentant lokali tad-Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq:


Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’ :

Informazzjoni ddettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall- Mediċini: .


Hemm ukoll links għal siti elettroniċi oħra dwar mard rari u kura.